Medjazzjoni

Nirrakkomandaw il-medjazzjoni bħala l-ewwel u l-aħjar għażla għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet.

Hemm diversi lmenti li jistgħu jiġu solvuti bla xkiel jekk il-partijiet kollha jiddiskutu madwar mejda bl-għajnuna ta’ terza persuna. Dan il-metodu jissejjaħ medjazzjoni. Huwa proċess li jinvolvi lill-partijiet ta’ lment biex jifhmu l-kwistjoni ta’ bejniethom aħjar u jirsistu ħalli jsolvuha.  

 

Il-Medjazzjoni

  • hi proċess immexxi b’attenzjoni minn medjatur maħtur mill-OAFS li jiżgura l-ġustizzja.
  • hi proċess informali u kunfidenzjali li jsir fil-privat. Kulma jintqal ma jkunx jista’ jintuża f’xi investigazzjoni tal-ilment li ssir wara.
  • hi iqsar mill-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni (il-proċess li jsegwi wara l-medjazzjoni).
  • tista’ tiffranka l-ħin u l-isforzi ta’ dawk kollha involuti.
  • hi volontarja; kemm min qed jilmenta u kemm il-fornitur iridu jaqblu li jieħdu sehem u t-tnejn li huma jistgħu jwaqqfuha meta jridu.
Is-sessjonijiet ta’ medjazzjoni jsiru online bl-użu ta' għodod ta’ konferenzi bil-vidjo bħal Zoom jew Microsoft Teams. Sessjonijiet ta' medjazzjoni personalment fl-uffiċċji tagħna f'Msida jistgħu jsiru wkoll. Aktar tagħrif jingħata mill-medjatur fil-mument opportun.
 

Il-Medjatur

Il-medjatur hu indipendenti, ma jaġixxix f’isem min jilmenta jew il-fornitur u lanqas ma jżomm ma’ xi parti minnhom. Il-medjatur ma jimponix soluzzjoni u lanqas ma jobbliga lil xi parti, jew liż-żewġ partijiet, biex jaċċettaw jew jirrifjutaw xi offerta. Minflok, hu jew hi, j/tiffaċilita l-isforzi taż-żewġ partijiet biex isibu soluzzjoni li tkun aċċettabbli għalihom it-tnejn.

Il-Ftehim

Biex il-medjazzjoni tirnexxi, kwalunkwe soluzzjoni li tinstab trid issir bi qbil bejn l-ilmentatur (raġel/mara) u l-fornitur (raġel/mara).
 
Jekk l-ilmentatur u l-fornitur tas-servizz finanzjarju jaqblu fuq xi tip ta’ arranġament waqt il-medjazzjoni, il-ftehim isir bil-miktub u jiġi ikkomunikat lill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji.  Ladarba dan jiġi iffirmat miż-żewġ partijiet u aċċettat mill-Arbitru, dan il-ftehim jorbot legalment lill-istess partijiet. 
 
Bl-istess mod, jekk l-ilmentatur jiddeċiedi li jirtira l-ilment, dan għandu jiġi ikkomunikat lill-Arbitru bil-miktub, fejn imbagħad, dan tal-aħħar joħroġ ordni sabiex tiġi mwaqqfa l-proċedura tal-ilment.  

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-medjazzjoni

Sib it-tweġibiet għal mistoqsijiet li jista’ jkollok dwar il-medjazzjoni billi tniżżel dan id-dokument f'format pdf.

 

Imbagħad x’jiġri?

Jekk ma jintlaħaqx ftehim (u, għalhekk, il-medjazzjoni ma tirnexxix), l-ilment jgħaddi għall-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni.