Mistoqsijiet u Każijiet Żgħar
Dan hu s-servizz informali tagħna biex ngħinuk issolvi każijiet żgħar u/jew id-diffikultajiet tiegħek.
Mhux il-każijiet kollha huma kbar jew kumplessi. Kultant ikun hemm korrispondenza jew tranżazzjoni, li tinvolvi provditur tas-servizzi finanzjarji, li tkun tista’ tiġi segwita faċilment u l-każ jissolva informalment (jiġifieri, mingħajr ma jintbagħat ilment formali).
X’jista’ jiġri jekk tuża s-servizz informali tagħna?
- Il-kwistjoni tiegħek tista’ tissolva bl-intervent tagħna. Inti u l-provditur tilħqu ftehim u jieqaf kollox hemm.
- Jista’ jkun hemm xi ħaġa mhix ċara jew nuqqas ta’ komunikazzjoni. Meta jiġri dan, nistgħu ngħinuk tiċċara l-kwistjoni jew titlob kjarifika mingħand il-provdituri ħalli l-kwistjoni tissolva.
- L-intervent informali tagħna jista’ ma jkunx biżżejjed. F’dak il-każ, tintalab iddaħħal ilment formali. Agħfas hawn għall-passi kollha tal-proċess tal-ilmenti tagħna.
Qegħdin hawn biex niggwidawk kif tista’ tindirizza l-kwistjoni tiegħek bl-aħjar mod. Noffrulek ukoll kulma teħtieġ biex tibagħtilna lment formali.
Madankollu, ma noffrux pariri legali, u għalhekk ma nistgħux nassistuk fil-kitba tal-ilment. Għal din il-ħaġa tista’ titlob l-għajnuna ta’ professjonist/a.
Jekk tixtieq iddaħħal ilment, jekk jogħġbok l-ewwel ara l-linji gwida tagħna. Ibda minn Pass 1: Ibgħat ilment lill-provditur tiegħek.
Kif tista’ tikkuntattjana?
Minn dan is-sit
Sempliċi!
Agħfas hawn biex timla ftit dettalji li bihom inkunu nistgħu nifhmu l-każ tiegħek aħjar.
Ċemplilna
Ċemplilna fil-ħin tal-uffiċċju (mit-8am sal-3pm fix-xitwa u mit-8am sas-1pm fis-sajf) fuq dawn in-numri:
B’xejn: 80072366 - it-telefonati jkunu b’xejn biss jekk iċċemplilna minn linja fissa f’Malta. Jekk iċċempel dan in-numru mill-mobile jew minn linja internazzjonali jkollok tħallas it-tariffi tan-network.
Mobile: +356 79219961. Tista’ ċċemplilna jew tibagħtilna messaġġ, inkella tiktbilna fil-Whatsapp u nċemplulek lura jekk ikun hemm il-ħtieġa.
Linja fissa: +356 21249245. Dan hu n-numru ġenerali tagħna.
Kellimna fl-uffiċċji tagħna
Bħalissa qed inħeġġu lill-pubbliku u lil dawk kollha li naħdmu magħhom biex jevitaw li jiġu personalment fl-uffiċċji tagħna. Ħadna din il-miżura għas-sigurtà tal-istaff tagħna u biex innaqqsu l-imxija tal-coronavirus.
Ksibt xi prodott/servizz finanzjarju mingħand provditur fl-UE jew fiż-ŻEE?
Jekk l-ilment tiegħek hu dwar provditur awtorizzat fi Stat Membru ieħor tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ma nkunux nistgħu nipproċessawh. Inkunu nistgħu biss ngħarrfuk kif tibgħat l-ilment lil entità oħra bħal tagħna fil-pajjiż konċernat. Agħfas hawn għal aktar tagħrif.