Pass 3: Ibgħat ilment lilna

Wara li tkun fhimt ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji u sirt aktar midħla tal-proċess tal-ilmenti, tista’ tgħaddi biex iddaħħal l-ilment tiegħek jekk ma tkunx sodisfatt/a bit-tweġiba miktuba li jkun bagħatlek il-fornitur tas-servizzi finanzjarji.

M'hemm l-ebda ħlas biex tressaq ilment magħna u s-servizzi li noffri huma b’xejn.

Għandek id-dritt li tfittex parir legali indipendenti dwar il-ilment tiegħek. Madankollu, mhux meħtieġ li tagħmel dan.

Aħna nittrattaw l-ilmenti kollha bl-istess mod, kemm jekk għandek konsulent legali jew le. Jekk taħtar konsulent legali, int responsabbli għall-ħlasijiet tiegħu.

 

 

Irreġistra u ibgħat l-ilment ONLAJN

Jekk l-ilment ikun se jsir minn xi ħadd jew f’isem intrapriża żgħira (b’firmatarju wieħed biss), tista’ ddaħħal l-ilment b’mod elettroniku. Huwa proċess faċli u malajr.

Agħmel ilment onlajn

 

 

Niżżel u uża formola tal-ilment f’verżjoni pdf

Jekk l-ilment ikun se jintbagħat minn persuna waħda jew aktar, jew f’isem intrapriża żgħira (li tkun titlob żewġ firmatarji jew aktar, ngħidu aħna meta l-prodott li dwaru jkun se jsir l-ilment ikun konġunt), niżżel u uża l-verżjoni pdf tal-formola tal-ilmenti.  

Imla u ssejvja l-formola fil-kompjuter jew it-tablet tiegħek, imbagħad ipprintjaha. Nistgħu naċċettaw ilmenti miktuba bl-idejn sakemm dawn ikunu faċli biex jinqraw u jinftiehmu.

Qis li l-formola tal-ilment tkun iffirmata qabel tibgħathielna. Jekk ikun hemm iżjed minn persuna waħda li qed tilmenta, il-formola trid tiġi ffirmata minnhom kollha.

F’xi ċirkostanzi ġieli naċċettaw kopja skennjata tal-formola bid-dokumenti kollha relevanti mehmuża magħha elettronikament. Jekk jogħġbok imla din il-formola elettronika biex tistaqsina dwar dan il-proċess.

Tista’ tibgħat il-formola ffirmata, bid-dokumenti magħha, bil-posta. Tagħrif ieħor dwar dan issibu fil-formola tal-ilmenti stess.

Formola tal-ilmenti (pdf)

 

Ara li l-ilment:

  • tagħmlu fuq fornitur tas-servizzi finanzjarji liċenzjat mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (iċċekkja r-reġistru tas-servizzi finanzjarji tal-Awtorità minn hawn). L-isem tal-fornitur għandu jinkiteb sewwa u sħiħ fil-formola, mhux imqassar. 
  • ikun bil-Malti jew bl-Ingliż (lingwi oħra mhux aċċettati).
  • għandu mehmuża miegħu d-dokumenti relevanti kollha (inkluż l-ittra li kont bgħatt lill-fornitur u t-tweġiba tiegħu, jekk tkun irċivejtha). Jekk tagħmel parti minn mikrointrapriża ehmeż id-dokumenti uffiċjali (fiskali) li jikkonfermaw (a) in-numru tal-impjegati (b) id-dħul u/jew it-totali tal-karti tal-bilanċ. Jekk għandek xi dokumenti li mhux bil-Malti jew bl-Ingliż, nistgħu nitolbuk tipprovdi traduzzjoni tagħhom. Dwar dan niggwidawk aħjar wara li tissottometti l-ilment. 
  • hu ffirmat minn kull min qed jilmenta (jekk tuża l-verżjoni pdf tal-formola tal-ilmenti). F’każ ta’ prodott jew servizz miksub b’mod konġunt, irid ikun hemm il-firem taż-żewġ persuni. 
  • jinkludi r-raġunijiet kollha. Għaliex qed tilmenta(w)? Għaliex taħseb/taħsbu li l-fornitur naqsek/naqaskom? 
  • jinkludi r-rimedju li tistenna/tistennew li jkun hemm. X’qed tistenna mingħand il-fornitur ?
  • ma kienx suġġett għal kawża quddiem qorti jew tribunal, jew ilment ippreżentat quddiem entità għas-soluzzjoni alternattiva tal-ilmenti oħra (bhal Ombudsman) fi kwalunkwe pajjiż ieħor, mibdi mill-istess ilmentatur (jew ilmentaturi) dwar l-istess mertu. Jekk dan hu l-każ, x’aktarx li ma nkunux nistgħu nilqgħu l-ilment tiegħek. 

 

Meta nirċievu l-ilment tiegħek, aħna nevalwawh informalment sabiex niddeterminaw jekk dan huwiex wieħed li nistgħu naċċettaw u jekk fuq kollox jinkludix id-dettalji kollha rikjesti bil-liġi.

Issa ser neħduk tul il-proċess li jiġi segwit meta aħna nirċievu l-ilment tiegħek.

 

Għaddi għar-Raba’ Pass