Issottometti Ilment
L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji jista’ jikkunsidra lmenti mingħand konsumaturi (individwi u mikrointrapriżi) kontra provdituri tas-servizzi finanzjarji liċenzjati mill-Awtoritá għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, ir-regolatur finanzjarju f’Malta.
Ftit tagħrif qabel ma tibda l-proċess biex tagħmel ilment onlajn
Il-formola onlajn tal-ilment tieħu madwar 30 minuta biex timtela, skont kemm inti ppreprajt minn qabel biex tibni l-każ tiegħek. Għaldaqstant, ħalli biżżejjed ħin biex timliha. Se tkun tista’ tagħmel ‘save’ ma’ kull stadju tal-proċess. Peró, jekk ma tergax tmur lura għall-formola tiegħek fi żmien sebat ijiem minn meta tkun l-aħħar għamilt ‘save’, kull tagħrif li tkun daħħalt u fajls li jiġu ‘uploaded’ jitħassru awtomatikament għal skopijiet ta’ protezzjoni tad-data u jkollok terġa tibda mill-ġdid.
Jekk jogħġbok ibgħat l-ilment tiegħek u d-dokumenti rilevanti bil-Malti jew bl-Ingliż. Jekk għandek xi dokumenti li mhux bil-Malti jew bl-Ingliż, nistgħu nitolbuk tipprovdi traduzzjoni tagħhom. Dwar dan niggwidawk aħjar wara li tissottometti l-ilment tiegħek.
Il-faċilitá biex timla l-formola tal-ilment onlajn hija disponibbli biss jekk l-ilment qed tagħmlu bħala individwu waħdek jew għan-nom ta’ mikrointrapriża.
F’dan l-istadju, nistgħu naċċettaw ilmenti onlajn jekk sottomessi minn żewġ jew aktar persuni (bħal fil-każ ta’ kont bankarju jew polza tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja joint) sakemm il-formola tal-ilment tiġi pprintjata u iffirmata mill-ilmentaturi, u sottomessa fiżikament bil-posta jew bl-idejn. Jekk jogħġbok imxi mal-istruzzjonijiet provduti meta tasal fl-aħħar stadju tal-proċess.
Barra mid-dettalji tiegħek personali, se nitolbuk ukoll dawn id-dettalji:
- Isem tal-fornitur kontra min qed tagħmel l-ilment.
Jekk mintiex ċert min huwa l-fornitur tas-servizz tiegħek, ikklikkja hawn. - Isem tal-prodott jew servizz li dwaru qed tagħmel ilment.
- Deskrizzjoni u r-raġuni dwar xiex qed tagħmel ilment. Għandek tiddeskrivi l-ilment tiegħek b’mod konċiż u ċar u tispjega għaliex tħoss li l-fornitur tas-servizzi finanzjarji tiegħek naqqsek. Aħseb fiha bħallikieku qed tgħid storja lil xi ħadd; għandek twassal id-dettalji bil-kliem tiegħek stess mill-perspettiva tiegħek.
- Ir-rimedju li qed tfittex. Iddeskrivi b’mod ċar x’qed tistenna mill-fornitur tas-servizz finanzjarju. Speċifika l-ammont jekk qed tistenna kumpens finanzjarju. Għandek tissostanzja t-talba tiegħek b’kalkolu li jispjega kif wasalt għall-ammont mistenni.
Se nkunu wkoll qed nitolbuk tissottometti onlajn kopji skennjati (preferibilement f’format PDF u is-size ta’ kull file ma jistax jeċċedi 8 mb) ta’ dawn li ġejjin:
- L-ittra tal-ilment lill-fornitur tiegħek. Ħalli tal-anqas 15-il ġurnata tax-xogħol għat-tweġiba tiegħu.
- Ir-risposta tal-provditur tiegħek. Il-fornitur jista’ jinnotifikak li se jieħu aktar żmien minn 15-il ġurnata tax-xogħol biex jibgħatlek ir-risposta, iżda f’ebda każ ma jista jaqbeż il-35 ġurnata tax-xogħol mid-data ta’ meta jirċievi l-ilment tiegħek.
- Brochures u dokumetazzjoni oħra rilevanti fir-rigward tal-prodott li qed tilmenta dwaru.
- Kwalunkwe dokumentazzjoni oħra ta’ rilevanza għall-ilment tiegħek.
Meta tissottometti l-ilment onljan, tirċievi riċevuta awtomatika. Is-sottomissjoni tiegħek tibqa’ pendenti sakemm tiġi pproċessata minn wieħed mill-uffiċċjali tagħna.
L-emails tagħna joriġinaw mid-domain: @asf.mt. Jekk jogħġbok żid dan id-domain mal-lista ta’ Safe Senders tiegħek biex tiżgura li l-emails tagħna ma jispiċċawx fil-folder tal-ispam.
Jekk inti għandek id-dokumenti u l-informazzjoni kollha imsemmija hawn fuq, tista’ tmexxi biex timla l-formola tal-ilment onlajn.
Biex timla ilment, trid tkun illoggjat fis-sistema.
Jekk għandek e-id ta’ Malta, tista’ tikklikkja hawn biex tibda.
Jekk m’għandekx e-id ta’ Malta jew ma tridx tużaha, trid l-ewwel tikkreja kont..
Jekk għandek kont, kklikkja hawn