Investigazzjoni u Aġġudikazzjoni

Jekk il-medjazzjoni tkun rifjutata jew ma tirnexxix,

l-Arbitru jibda jinvestiga l-ilment. Tirċievi stedina għall-ewwel smigħ tal-ilment mill-Arbitru. Dan isir bl-appuntament u d-data u l-ħin mogħtija ma jkunux jistgħu jinbidlu.

Kull każ li jinġieb quddiem l-Arbitru għall-investigazzjoni u l-aġġudikazzjoni jeħtieġ, minn tal-inqas, smigħ wieħed.

Is-smigħ normalment isir wiċċ imb wiċċ fl-uffiċċji tagħna l-Furjana jew bit-telephone conferencing. Minħabba l-imxija tal-COVID-19, għalissa waqqafna s-smigħ fiżiku wiċċ imb wiċċ. Minflok, is-sessjonijiet qed nagħmluhom biż-Zoom, pjattaforma tal-video conferencing. Tagħrif ieħor dwar dan jingħatalek meta jkun il-waqt.

Il-poteri tal-Arbitru biex jinvestiga l-ilmenti huma estensivi. L-Arbitru jista’ jitlob għax-xhieda, jista’ jqabbad lil terzi persuni jipprovdu tagħrif li jista’ jkun meħtieġ fl-investigazzjoni, u jista’ wkoll jagħmel spezzjonijiet fil-bini okkupat u/jew użat mill-provditur.

 

Il-qsim tad-dokumenti

Il-partijiet kollha tal-ilment jingħataw l-opportunità jagħmlu s-sottomissjonijiet orali jew miktuba tagħhom kif mitluba mill-Arbitru. Jista’ jkun hemm ix-xhieda li jintalbu jixhdu u terzi persuni li jintalbu jipprovdu xi tagħrif. 

L-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li jirċievi l-Arbitru minn xi waħda mill-partijiet tinqasam mal-parti l-oħra tal-ilment. 

 

Aġġudikazzjoni

Meta jintemm il-perjodu tas-sottomissjoni tad-dokumenti, il-każ jgħaddi għad-deċiżjoni tal-Arbitru. Kull każ jiġi deċiż fuq il-merti individwali tiegħu.

Id-deċiżjonijiet tal-Arbitru jsiru bil-miktub. Il-partijiet tal-ilment ikunu avżati ftit jiem qabel id-data ta’ meta l-Arbitru jkun se jieħu d-deċiżjoni.  

 

Id-deċiżjonijiet tal-Arbitru

  • Jistgħu jintlaqgħu b’mod sħiħ jew parzjalment, jew jiġu rrifjutati. Meta d-deċiżjonijiet jintlaqgħu (b’mod sħiħ jew parzjalment), l-Arbitru jista’ jordna lill-provditur tas-servizzi finanzjarji biex jagħmel waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: 

     (a) jevalwa, jikkoreġi, inaqqas jew jibdel l-aġir li jkun sar l-ilment dwaru jew il-konsegwenzi tiegħu;

     (b) jipprovdi r-raġunijiet jew l-ispjegazzjonijiet għal dak l-aġir; 

     (ċ) jibdel prattika relatata mal-aġir kritikat;

     (d) iħallas kumpens għal kwalunkwe telf ta’ kapital jew dħul, jew għad-danni li jkun sofra l-ilmentatur, bl-imgħax jew mingħajru;

    (e) jispeċifika l-perjodu li matulu l-ordni tiegħu trid titwettaq mill-provditur tas-servizzi finanzjarji;

  •  Ikunu jinkludu referenza fuq min għandu jħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti u f’liema proporzjon, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ;
  • Jorbtu liż-żewġ partijiet. Sa 15-il jum mill-ħruġ ta’ deċiżjoni, kwalunkwe parti tista’ titlob lill-Arbitru jiċċara jew jikkoreġi żbalji fil-komputazzjoni, klerikali, tipografiċi, jew nuqqasijiet simili li jista’ jkun hemm fid-deċiżjoni;
  • Jistgħu jiġu appellati minn kull parti tal-ilment. L-appelli jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri) fi żmien 20 ġurnata mid-data ta’ meta d-deċiżjoni tal-Arbitru tkun ġiet notifikata lill-partijiet jew, f’każ li ssir talba għal kjarifika jew korrezzjoni ta’ deċiżjoni, mid-data ta’ meta tkun saret dik l-interpretazzjoni jew il-kjarifika jew il-korrezzjoni mill-Arbitru u ġiet notifikata lill-partijiet;
  • Jiġu ppubblikati fis-sit tal-OAFS. L-isem u l-kunjom ta’ min jilmenta jinbidlu b’referenza alfabetika li ma jkollha x’taqsam xejn mal-isem u l-kunjom propji. Id-deċiżjonijiet tal-Arbitru ssibhom hawn.

L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji ma jkunx involut fil-proċess tal-appell. Jekk il-każ tiegħek jiġi appellat, ikseb l-għajnuna professjonali.