Pass 2: Ibqa’ rsisti bl-ilment tiegħek
Jekk m’intix sodisfatt/a bit-tweġiba tal-fornitur finanzjarju (jew ma rċivejtx tweġiba wara 15-il ġurnata tax-xogħol, jiġifieri wara madwar tliet ġimgħat), hawn aħna li nistgħu ngħinuk.
Min jista’ jibgħat ilment lill-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji?
Jekk inti klijent/a li ksibt prodott jew servizz finanzjarju mingħand fornitur tas-servizz finanzjarji liċenzjat mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), ir-regolatur finanzjarju ta’ pajjiżna, tista’ tressqilna l-ilment tiegħek.
Kull klijent/a għandu/ha jkun/tkun:
- Persuna fiżika (jew is-suċċessur tagħha fit-titlu);
- Mikrointrapriża – Mikrointrapriża hi intrapriża li tħaddem inqas minn għaxar persuni u li l-qligħ annwali tagħha u, jew il-karta tal-bilanċ annwali ma tkunx iżjed minn żewġ miljun ewro (€2,000,000);
- Organizzazzjoni volontarja li għandu jkollha l-istess tifsira kif mogħti lilha fl-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492); jew
- “kwalunkwe persuna” f’każ ta’ transazzjoni ta’ pagament frawdolenti suspettuża li tinvolvi fornituri tas-servizzi finanzjarji.
Klijenti eliġibbli li jissottomettu ilment huma:
(a) Klijent ta’ fornitur tas-servizzi finanzjarji liċenzjat mir-regolatur finanzjarju ta’ Malta (ara hawn taħt);
(b) Klijent li lilu l-fornitur tas-servizzi finanzjarji jkun offra li jipprovdi servizz finanzjarju;
(c) Klijent li talab il-provista ta’ servizz finanzjarju minn fornitur tas-servizzi finanzjarji.
F’każ ta’ transazzjonijiet ta’ pagament frawdolenti suspettużi li jinvolvu fornituri tas-servizzi finanzjarji li seħħew fl-1 t’Ottubru 2025 jew wara, il-vittma tal-frodi titqies bħala klijent eliġibbli jekk turi interess immedjat, ġenwin u leġittimu, u għaldaqstant l-Arbitru jkun jista’ jinvestiga l-ilment. F’każ li t-transazzjonijiet ikunu seħħew qabel din id-data, ċertu limitazzjonijiet japplikaw. Fi kwalunkwe każ, jekk inti sfajt vittma ta’ xi scam, tista’ tagħmel kuntatt magħna fuq +356 21249245 jew tibgħatilna messaġġ fuq WhatsApp fuq +356 79219961 għal iktar informazzjoni.
Ma nistgħux naċċettaw, ngħidu aħna:
(i) f’każ ta’ assigurazzjoni tal-vetturi, ilmenti ta’ klijent/a mal-kumpanija tal-assigurazzjoni ta’ terza persuna; jew
(ii) f’każ ta’ assigurazzjoni tad-djar, ilmenti ta’ klijent/a mal-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-ġar tiegħu/tagħha li jkun għamillu/għamlilha dannu fid-dar, nagħtu każ, minħabba dħul ta’ ilma.
Għal liema fornitur tas-servizzi finanzjarji tista’ tilmenta?
Nilqgħu biss ilmenti fuq fornituri li huma liċenzjati jew awtorizzati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), ir-regolatur finanzjarju ta’ pajjiżna. Dawn jinkludu wkoll il-fornituri li l-liċenzja tagħhom tkun ġiet sospiża jew irtirata mill-MFSA. L-Arbitru għandu l-poter jinvestiga lil dawn il-fornituri wkoll, basta jkunu liċenzjati matul il-perjodu tal-kwistjoni li jkun qed isir l-ilment dwarha.
Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji jinkludu:
- Banek
- Istituzzjonijiet finanzjarji (bħall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi);
- Kumpaniji tal-assigurazzjoni (assigurazzjoni ġenerali u tal-ħajja);
- Intermedjarji tal-assigurazzjoni (bħal aġenti, brokers, u intermedjarji marbuta fl-assigurazzjoni);
- Fornituri tas-servizzi tal-investiment (bħal konsulenti finanzjarji u sensara tal-ishma);
- Fiduċjarji; u
- Fornituri tal-pensjonijiet.
Qabel tibagħtilna l-ilment tiegħek, ara jekk il-fornitur tas-servizzi finanzjarji li qed tilmenta dwaru hux (jew kienx) liċenzjat mir-regolatur ta’ Malta. Biex tara r-reġistru tal-MFSA, agħfas hawn (ħolqa esterna).
Jekk ma tkunx tista’ ssib l-isem tal-fornitur fir-reġistru elettroniku tal-MFSA, iċċekkja d-dokumenti tal-prodott jew tas-servizz. Jista’ jiġri li tkun qed tfittex fornitur li mhux awtorizzat mir-regolatur finanzjarju Malti (u, għalhekk, ma nkunux nistgħu nilqgħu l-ilment tiegħek) jew tkun qed tikteb ismu ħażin. Jekk ikollok dubju, iktbilna mill-formola elettronika tagħna u niggwidawk.
Meta tagħmel dan il-pass, tkun tista’ tgħaddi għall-Pass 3: Ibgħat ilment lilna.