Gwida dwar kif ilmenti li jinvolvu skemi ta’ frodi finanzjarji sofistikati bbażati fuq relazzjoni, bħall-‘pig butchering’, għandhom jiġu evalwati

Nota Teknika

L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji ħareġ gwida komprensiva rigward l-iscams ‘pig butchering’. Din in-nota teknika tinkludi l-kunsiderazzjonijiet li l-Arbitru ser jaddotta meta jiddetermina dawn it-tip ta’ lmenti, li żdiedu b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin.

Id-dokument jibda billi jipprovdi informazzjoni kuntestwali dwar l-iscams ‘pig butchering’ u jispjega kif il-frodisti jistabbilixxu relazzjonijiet mal-vittmi tul perjodu ta’ żmien sabiex jiksbu l-fiduċja tagħhom qabel ma jintroduċulhom opportunitajiet ta’ investiment frawdolenti. Imbagħad id-dokument jiddeskrivi l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn l-iscams, u jiddistingwihom minn tipi oħra ta’ frodi, fosthom il-frodi tal-‘Authorised Push Payment’.

Parti sinifikanti tal-gwida tiffoka fuq l-obbligazzjonijiet ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet illi għandhom tipi differenti ta’ fornituri tas-servizz. Dawn jinkludu banek, istituzzjonijiet finanzjarji, u Fornituri tas-Servizz tal-Attivi Finanzjarji Virtwali. Id-dokument jenfasizza l-livelli varji ta’ responsabbiltà li għandhom dawn l-entitajiet sabiex jipproteġu l-klijenti tagħhom minn skemi ta’ frodi. 

L-Arbitru jipprovdi gwida speċifika għal kull kategorija ta’ fornitur tas-servizz, u jħeġġeġ il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex isaħħu s-sistemi eżistenti ta’ monitoraġġ tal-pagamenti u jintervjenu meta jfeġġu sekwenzi anormali. Istituzzjonijiet finanzjarji huma avżati biex jaddottaw proċeduri ta’ aċċettazzjoni jew ‘onboarding’ iżjed b’saħħithom għall-kumpaniji klijenti tagħhom, filwaqt li Fornituri tas-Servizz tal-Attivi Finanzjarji Virtwali huma mfakkra fl-obbligazzjonijiet fiduċjarji tagħhom u fil-ħtieġa għal mekkaniżmi msaħħa li jimmitigaw iċ-ċans ta’ scams.

Id-dokument jikkonkludi billi jaċċenna l-importanza li l-industrija finanzjarja tmur lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji sabiex jassikuraw il-kunfidenza tal-konsumaturi. Id-dokument ifakkar ukoll lill-konsumaturi sabiex jeżerċitaw il-kawtela u joqogħdu attenti għar-riskji relatati mal-kriptoassi. L-Arbitru jinnota illi deċiżjonijiet futuri ser jirriflettu din l-imbuttatura lill-istituzzjonijiet biex jinvestu fit-titjieb tas-sistemi tagħhom tal-monitoraġġ li jiggarantixxu infrastruttura sikura ta’ pagamenti.


Ara wkoll:

Mudell għall-allokazzjoni ta’ responsabbiltà bejn Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament (PSP) u Utenti tas-Servizzi ta’ Pagament (PSU) f’każ ta’ scams ta’ pagamenti frawdolenti