Pass 1: Ibgħat ilment lill-provditur tiegħek
Qabel tibgħat ilment lilna,
l-ewwel ikkomunika mal-provditur tas-servizzi finanzjarji tiegħek.
Kultant, kwistjoni tista’ tkunlek ftit ikkumplikata biex issolviha informalment. F’dak il-każ, ikollok tibgħat ilment bil-miktub lill-provditur. Infurmah x’inhi l-problema tiegħek u kif qed tistenna li tissolva.
Ma nkunux nistgħu nilqgħu l-ilment jekk ma tkunx tajt l-opportunità lill-provditur tas-servizzi finanzjarji tiegħek biex jara l-ilment tiegħek. Qabel tkellimna u tibagħtilna lment formali, agħtih ċans jifhem dwar xiex qed tilmenta.
Tista’ tibagħtilna lment jekk:
- Tkun bgħatt ittra bl-ilment tiegħek lill-provditur imma t-tweġiba tiegħu ma tkunx sodisfaċenti; JEW
- Tkun tajt 15-il ġurnata xogħol ċans lill-provditur (madwar tliet ġimgħat) biex jara l-ilment tiegħek, imma ma tkunx irċevejt xi forma ta’ tweġiba jew ittra finali mingħandu.
Jekk tkun se tiktbilna formalment, fittex l-għajnuna. Imma biex iddaħħlilna lment m’hemmx bżonn bilfors li tqabbad professjonist/a
Suġġerimenti utli ta’ malajr
- Qis li jkollok il-karti kollha. Għandek kopja tad-dokumenti importanti, ngħidu aħna, tal-kuntratt, il-formola tal-applikazzjoni, jew tagħrif ieħor fuq il-prodott/servizz finanzjarju tiegħek? Jekk għandek xi dokument nieqes, itlob kopja tiegħu lill-provditur tiegħek.
- Kun ċar/a u evita l-kliem goff u s-sarkażmu meta tikteb lill-provditur.
- Stqarr il-fatti mhux l-opinjonijiet. Għid eżatt x’ġara u meta, u min kien involut.
- Spjega għaliex m’intix sodisfatt/a u kif qed tistenna li tissolvilek il-problema.
- Iddumx taħsibha u tkarkarx. Fl-interess tiegħek li taġixxi fil-pront!
- Żomm kopja tal-ilment li tkun bgħatt lill-provditur. Jekk tkun se tikteb elettronikament, qis li tuża l-indirizz elettroniku li l-provditur ikun niżżel fil-proċedura tal-ilmenti tiegħu (jew itlobhom l-indirizz elettroniku dirett għal dan l-iskop). Jekk tkun se tibgħat l-ilment bil-posta, uża l-posta rreġistrata.
- Ħalli 15-il jum (madwar tliet ġimgħat) sa ma l-provditur iwieġbek.
- Tista’ tibgħat ilment lilna jekk ma tkunx sodisfatt/a bit-tweġiba tal-provditur jew jekk ma tkunx smajt lura mingħandu wara 15-il jum (madwar tliet ġimgħat).
Mhux fl-interess tiegħek li ddum ma tieħu azzjoni.
L-Arbitru jilqa’ l-ilment tiegħek jekk ikun sar bil-miktub lill-provditur u ma għaddewx aktar minn sentejn mill-ġurnata li fiha tkun intbaħt/irrealizzajt/indunajt bil-kwistjonijiet li tkun qed tilmenta dwarhom.
Għalhekk huwa fl-interess tiegħek li tieħu azzjoni jekk tinnota xi ħaġa ħażina fit-tranżazzjoni jew fil-livell tas-servizz li jkun qed jingħatalek.
Żomm kopja tal-ittra bl-ilment li tkun bgħatt lill-provditur tiegħek, prova tal-posta rreġistrata (jekk tkun bgħattha bil-posta), u n-nota jew l-irċevuta li tkun waslitlek mill-provditur f’każ li tkun trid tirreferi l-ilment lilna.
Lest/a tmexxi l-ilment tiegħek? Għaddi għall-Pass 2: Ibqa’ rsisti bl-ilment tiegħek.