Ipproteġi lilek innifsek minn frodi finanzjarji bbażati fuq relazzjonijiet

Importanti li tieħu azzjoni

L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji jħeġġeġ lill-konsumaturi kollha li jaħsbu li sfaw vittmi ta’ scams finanzjarji sabiex iressqu l-ilmenti u l-mistoqsijiet tagħhom. Ftakar li, li ma tagħmel xejn hija għażla wkoll, u billi ddum ma tieħu azzjoni m’inti se ssolvi xejn.

L-uffiċċju tagħna qiegħed hawn sabiex jgħinek tinnaviga dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli u ssib soluzzjoni. Tħallix il-mistħija jew il-biża’ jwaqqfuk milli tieħu azzjoni. Billi tirrapporta l-esperjenza tiegħek, tkun mhux biss qed tipprova ssib soluzzjoni għalik innifsek, iżda tkun anke qed tipproteġi lil ħaddieħor milli jisfa’ vittma hu wkoll minn scams simili. 

Ikkuntattjana l-ewwel permezz ta’ telefonata jew inkella onlajn – aħna ninsabu hawn sabiex nisimgħuk, niggwidawk, u nassistuk matul dan il-proċess. Jekk hemm bżonn, tista’ anke tiltaqa’ magħna fl-uffiċini tagħna. 

Nota Teknika dwar frodi finanzjarji magħrufa bħala ‘pig butchering’

L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji (‘ASF’) ħareġ Nota Teknika li tipprovdi gwida rigward il-‘pig butchering’ scams.

Dan id-dokument jinkludi kif l-Arbitru ser iħares lejn ilmenti relatati ma’ dawn il-frodi sofistikati bbażati fuq relazzjoni, li raw żdieda sinifikanti f’dawn l-aħħar snin.

L-ASF rċieva diversi lmenti minn vittmi, li spiss jinvolvu telf finanzjarju sostanzjali u nkwiet emozzjonali.

 


X’inhuma ‘pig butchering scams’?

‘Pig butchering scams’ huma tip ta’ frodi kumplessi fejn il-frodisti jibnu relazzjonijiet mal-vittmi tul perjodu estensiv ta’ żmien, ġieli ġimgħat jew xhur, qabel ma jintroduċulhom opportunitajiet ta’ investiment frawdolenti. L-isem ġej mill-idea li wieħed ‘ilaħħam’ il-vittma qabel ma ‘jbiċċirha’ finanzjarjament.

Eżempji jinkludu: 

  • Pjattaformi onlajn ta’ kummerċ foloz li juru qligħ fittizju
  • Investimenti f’kriptoassi jew ‘tokens’ li ma jeżistux
  • Skemi ta’ investimenti b’rendimenti għoljin li jwegħdu rati ta’ ntrojtu mhux realistiċi


Kif jaħdmu dawn l-iscams?

1. Kuntatt inizjali: Il-frodisti javviċinaw lill-vittmi permezz tal-midja soċjali, applikazzjonijiet romantiċi, jew pjattaformi ta’ komunikazzjoni oħra.

2. Tinbena relazzjoni: Komunikazzjoni frekwenti sabiex jiksbu l-fiduċja tal-vittmi.

3. Proposta ta’ investiment: Il-frodisti jipproponu lill-vittmi opportunità għal investiment bi qligħ għoli.

4. Qligħ falz: Profitti artifiċjali jiġu murija sabiex jinkoraġġixxu lill-vittmi biex jinvestu iktar flus. 

5. Diffikultà fl-irtirar tal-flus: Il-vittmi jindunaw li ma jistgħux jaċċessaw il-fondi jew il-‘profitti’.

6. Iktar talbiet għal flus: Il-frodisti jistaqsu għal iżjed pagamenti minħabba raġunijiet diversi.


X’responsabbiltajiet għandhom il-fornituri tas-servizz?

Il-gwida jitfa’ livelli varji ta’ responsabbiltà fuq tipi differenti ta’ fornituri tas-servizz finanzjarji:

1. Banek u Istituzzjonijiet ta’ Kreditu:

  • Għandhom ikollhom sistemi ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet b’saħħithom.
  • Għandhom jintervjenu u jwissu lill-konsumaturi b’attivitajiet suspettużi.
  • Għandhom jiddokumentaw l-interazzjonijiet u l-komunikazzjonijet mal-konsumaturi.

2. Istituzzjonijiet Finanzjarji:

  • Għandhom jaddottaw proċeduri ta’ aċċettazzjoni jew ‘onboarding’ b’saħħithom għall-kumpaniji klijenti tagħhom.
  • Għandhom jinvestigaw tranżazzjonijiet suspettużi.

3. Fornituri tas-Servizz tal-Attivi Finanzjarji Virtwali:

  • Għandhom isaħħu l-proċessi ta’ aċċettazzjoni jew ‘onboarding’ għall-konsumaturi tat-tip ‘retail’.
  • Għandhom iwissu rigward riskji assoċjati mal-‘custodial wallet’ (kartiera ta’ kustodja).
  • Għandhom jissorveljaw sekwenzi ta’ tranżazzjonijiet qosra. 


X’responsabbiltajiet għandhom il-konsumaturi?

Bħala konsumatur, inti għandek irwol kruċjali fil-protezzjoni tiegħek innifsek minn dawn l-iscams: 

1. Oqgħod attent: Jekk opportunità ta’ investiment tidher tajba wisq biex tkun vera, wisq probabbli hekk tkun.

2. Ivverifika l-identitajiet: Dejjem ikkonferma l-identità tal-individwi u l-kumpaniji li tikkomunika magħhom.

3. Irriċerka: Investiga bir-reqqa kull opportunità ta’ investiment qabel ma tħallas.

4. Ipproteġi informazzjoni personali: Qatt m’għandek taqsam dettalji personali jew finanzjarji onlajn.

5. Oqgħod attent għal ċertu tattiċi: Ħafna drabi l-frodisti jużaw tattiċi li bihom jeżerċitaw pressjoni fuqek sabiex ma jħallulekx ħin tarbel is-sitwazzjoni qabel ma tiddeċiedi u jġiegħluk tħossok li jaqbillek tħallas malajr. Iżda investimenti leġittimi ma jeħtiġux azzjoni immedjata. 

6. Uża l-mezzi uffiċjali: Uża biss is-siti jew applikazzjonijiet uffiċjali meta tkun ser tagħmel tranżazzjonijiet finanzjarji. 

7. Żomm ruħek aġġornat: Aġġorna ruħek rigward it-tattiċi ta’ scams riċenti u t-twissijiet tal-awtoritajiet.

8. Imxi skont l-istinti: Jekk tgħorkok għajnek minn xi ħaġa, ieqaf u arbel is-sitwazzjoni sew.


X’għandi nagħmel jekk nissuspetta li sfajt vittma?

Jekk temmen li sfajt vittma għal scam tat-tip ‘pig butchering’ jew kwalunkwe tip ieħor ta’ frodi finanzjarji:

1. Aġixxi mingħajr dewmien: Il-ħin huwa kruċjali f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

2. Ikkuntattja l-bank tiegħek: Informah bit-tranżazzjonijiet suspettużi.

3. Irrapporta lill-awtoritajiet: Agħmel rapport mal-pulizija mill-iktar fis possibbli.

4. Iġbor l-evidenza: Iġbor kull komunikazzjoni, dokumenti tat-tranżazzjonijiet, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. 

5. Fittex l-għajnuna: Agħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji jekk trid l-għajnuna dwar kif tagħmel ilment – qegħdin hemm biex jgħinuk!


Studju tal-każijiet

Iż-żewġ każijiet segwenti, ibbażati fuq deċiżjonijiet maħruġa mill-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, juru kif jaħdmu frodi finanzjarji sofistikati bbażati fuq relazzjoni, magħrufin bħala ‘pig butchering scams’.

L-ewwel każ jeżamina kif għalliem tas-sewqan self-employed tilef €65,445 permezz ta’ għadd ta’ trasferimenti lejn pjattaformi tal-kripto (crypto) f’seba’ xhur. Il-każ juri biċ-ċar kif il-frodisti jimmanipulaw lill-vittmi permezz ta’ inġineriji soċjali u wegħdiet foloz ta’ dħul fuq l-investimenti.

 
L-Ewwel Każ (ibbażat fuq Każ ASF 025/2024)

Sommarju tal-ilment

Konsumatur, għalliem tas-sewqan self-employed, fetaħ ilment kontra l-bank tiegħu wara li tilef €64,447.30 bejn Ottubru 2022 u Mejju 2023 permezz ta’ trasferimenti li kien mingħalih li huma investimenti fil-kriptoassi. Il-konsumatur allega li kien ġie mmanipulat minn frodisti sabiex jitrasferixxi flusu mill-kont bankarju tiegħu lejn pjattaforma tal-kripto, li fil-verità kienet ‘pig butchering scam’ sofistikata. Sostna illi l-bank naqas mill-obbligu tiegħu li jissorvelja t-tranżazzjonijiet għal attività suspettuża, jinduna b’anomaliji, u jintervjeni biex jippreveni li jseħħ xi dannu finanzjarju. Il-konsumatur talab għall-ħlas lura tas-somma totali li tilef għaliex insista li l-bank injora ċertu indikazzjonijiet, fosthom il-frekwenza għolja u l-valur kumulattiv tat-tranżazzjonijiet li kienu inkonsistenti mal-istorja finanzjarja tiegħu. 


Sommarju tar-risposta tal-bank

Il-bank ċaħad li kellu xi tip ta’ responsabbiltà u saħaq li kull tranżazzjoni ġiet awtorizzata mill-konsumatur permezz ta’ metodi sikuri ta’ awtentikazzjoni (eż., 3D Secure) li huma konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (‘PSD2’). Il-bank enfasizza li l-pagamenti ntbagħtu lill-kont tal-kripto tal-konsumatur stess, miftuħ ma’ fornitur liċenzjat, li ma kien jirrikkjedi ebda skrutinju żejjed. Il-bank ġibed ukoll l-attenzjoni lejn il-konformità tiegħu mal-protokolli tal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet, u ma nnota l-ebda irregolaritajiet fis-sekwenza ta’ pagamenti jew id-dettalji tal-benefiċarju. Barra minn hekk, ġew iċċitati t-termini u kundizzjonijiet tal-bank fejn hemm miktub li pagamenti awtorizzati ma jistgħux jitreġġgħu lura. Il-bank sostna li l-konsumatur huwa responsabbli talli beda t-tranżazzjonijiet u l-pjattaforma terza tal-kripto hija responsabbli talli wettqet il-frodi. 


Analiżi tal-Arbitru

L-Arbitru ħa konjizzjoni tal-vulnerabbiltà tal-konsumatur għal scam li hija magħrufa sew, iżda evalwa wkoll jekk il-bank kisirx l-obbligazzjonijiet tiegħu skont il-PSD2. Il-konsiderazzjonijiet prinċipali jinkludu tranżazzjonijiet ta’ natura anomali: tletin pagament (€45,447.30 permezz tal-card; €20,000 permezz ta’ trasferimenti) f’seba’ xhur, li jeċċedu sew it-tendenzi tipiċi ta’ nfieq tal-konsumatur. L-Arbitru nnota wkoll li l-bank naqas milli jinduna b’indikazzjonijiet, bħall-valur kumulattiv (iżjed minn 180% tas-salarju tal-konsumatur) u l-frekwenza ta’ pagamenti (eż., dsatax-il tranżazzjoni f’xahrejn). Filwaqt li l-bank issorvelja tranżazzjonijiet individwalment, naqas milli janalizza l-aġir sħiħ tal-konsumatur, kif huwa meħtieġ fl-istandards regolatorji.

L-Arbitru rrefera għall-każijiet preċedenti stabbiliti mill-Ombudsman Finanzjarju tar-Renju Unit fejn jaċċenna li l-banek għandhom jintervjenu meta tranżazzjonijiet juru karatteristiċi ta’ frodi, anke jekk dawn ikunu awtorizzati. Id-difiża tal-bank – li sserraħ biss fuq l-argument li l-pagament ġie awtorizzat – ġiet ikkunsidrata bħala insuffiċjenti, minħabba li l-PSD2 timponi fuq il-banek l-obbligu li jagħmlu assessjar proattiv tar-riskji. Madankollu, id-dewmien min-naħa tal-konsumatur biex irrapporta u l-interazzjoni kontinwa mal-frodisti mmitigaw parzjalment ir-responsabbiltà tal-bank. 


Deċiżjoni u rimedju

L-Arbitru żamm lill-bank parzjalment responsabbli għat-tranżazzjonijiet li seħħu wara s-17 ta’ Diċembru 2022, meta n-nuqqasijiet fil-monitoraġġ saru evidenti. Il-bank ġie ordnat iħallas lura lill-konsumatur is-somma ta’ €24,695.82 (li tirrappreżenta għaxar tranżazzjonijiet li seħħew wara Diċembru), peress li ma kienx hemm lok għal intervjent rigward il-pagamenti li kienu tħallsu qabel. Iż-żewġ partijiet kellhom iġorru l-ispejjeż legali tagħhom, biex b’hekk il-qsim tar-responsabbiltà ġiet riflessa hawnhekk ukoll. L-Arbitru ħeġġeġ lill-bank biex isaħħaħ is-sistemi ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet sabiex jippreveni każijiet simili, skont l-aspettattivi regolatorji li dejjem jevolvu dwar il-protezzjoni tal-konsumatur f’xenarji ta’ frodi diġitali.

 

It-tieni każ jinvolvi uffiċjal superjuri tar-riskji f’kumpanija tal-assikurazzjoni li tilfet iktar minn €70,000 permezz ta’ diversi trasferimenti lejn dik li kien mingħaliha li hija pjattaforma ta’ investimenti tal-cryptocurrency leġittima.

It-Tieni Każ (ibbażat fuq Każ 085/2024)

Sommarju tal-ilment

Konsumatur tas-servizzi finanzjarji sfat vittma għal scam onlajn ta’ investimenti f’Ġunju/Lulju 2023, fejn tilfet €70,100 permezz ta’ trasferimenti mill-kont bankarju tagħha. L-ilmentatriċi, uffiċjal superjuri tar-riskji f’kumpanija tal-assikurazzjoni, inizjalment investiet €250 fi Frar 2023 fuq pjattaforma tal-kummerċ onlajn, bil-gwida ta’ xi ħadd li qalilha li jirrappreżenta kumpanija reġistrata fir-Renju Unit. Hekk kif kiseb il-fiduċja tagħha wara diversi xhur, il-frodist informaha bil-profitti sostanzjali li kellhom jinġibdu mill-pjattaforma ta’ skambji ta’ cryptocurrency. Bit-theddid u l-pressjoni li ġiegħelha tħoss, għamlet numru ta’ trasferimenti lejn il-kont bankarju diġitali tagħha, li mbagħad kienu kkonvertiti f’kripto u ntbagħtu lill-frodisti. 


Sommarju tar-risposta tal-bank

Il-bank iddefenda l-pożizzjoni tiegħu billi argumenta li l-ilmentatriċi għamlet trasferimenti lejn il-kont tagħha stess ma’ bank regolat ieħor u, għalhekk, ma kienx hemm indikazzjonijiet ta’ frodi. Il-bank sostna li l-ebda tiswija ma kienet ser tippreveni lill-ilmentatriċi milli titrasferixxi flusha lejn il-kont tagħha, u li t-trasferimenti segwenti lil terzi ma kinux jaqgħu fl-ambitu tiegħu. Il-bank enfasizza wkoll li l-ilmentatriċi kienet bniedma professjonali u edukata, li għamlet dawn it-trasferimenti minn jeddha. 


Analiżi tal-Arbitru 

Skont l-Arbitru, it-tranżazzjonijiet ma kinux normali meta kkomparati mal-istorja tal-kont bankarju tal-ilmentatriċi. F’ħdax-il ġurnata għamlet għaxar pagamenti li b’kollox ammontaw għal iżjed minn €70,000, ekwivalenti għall-paga ta’ madwar disa’ xhur tal-ilmentatriċi. L-Arbitru ddetermina li sas-6 ta’ Lulju 2023, wara li €28,100 kienu ttrasferiti wara għadd ta’ tranżazzjonijiet, il-bank kellu jinduna bl-anomaliji fil-pagamenti u ħa l-passi neċessarji biex jintervjeni, partikolarment qabel ma saru l-aħħar żewġ pagamenti sostanzjali ta’ €18,000 u €24,000. L-analiżi kkonsidrat fatturi varji, inklużi l-profil tal-konsumatur, it-tendenzi ta’ tranżazzjonijiet, u l-ammont kumulattiv tat-trasferimenti. 


Deċiżjoni u rimedju

L-Arbitru ordna lill-bank iħallas lura lill-konsumatur 40% tal-aħħar żewġ pagamenti (li b’kollox ammontaw għal €42,000), u ċjoè, €16,000. Dan il-kumpens parzjali jirrifletti n-nuqqas tal-bank li jissorvelja kif xieraq u jintervjeni f’sekwenzi suspettużi ta’ pagamenti, filwaqt li fl-istess ħin jagħraf ir-responsabbiltà tal-ilmentatriċi bħala persuna professjonali u kkwalifikata. Id-deċiżjoni tinkludi anke rakkomandazzjonijiet għal banek sabiex jimplimentaw limiti iżjed baxxi ta’ pagamenti li jistgħu jsiru kuljum, u jsaħħu s-sistemi tal-monitoraġġ tal-pagamenti ħalli jipproteġu aħjar lill-klijenti minn frodisti sofistikati.